Skip to content Skip to footer

This speech was prepared by Evarist Bartolo for the occasion of the Swieqi Protest on Sunday 31st August. Evarist Bartolo has no affiliation with Momentum.


Evarist Bartolo

Xtaqt inkun magħkom imma
ninsab imsiefer. Naqsam magħkom dan il-messaġġ:

La l-gvern iddeċieda li ma jipproteġix lill-ġirien tal-appartamenti AirBnB billi l-ewwel tinkiseb l-approvazzjoni tal-ġirien qabel joħroġ il-permess, il-gvern għandu d-dmir jipproteġi lill-ġirien b’modi oħra biex irażżnu l-istorbju, il-ħmieġ u t-tħarbit tal-komunita’ inkella tkompli tirrenja l-liġi tal-ġungla.
Tlabt lill-Uffiċċju tal-Ombudsman jinvestiga n-nuqqasijiet amministrattivi tal-awtoritajiet biex iħarsu l-ġid komuni kif għandhom id-dmir li jagħmlu. L-investigazzjoni tal-Ombudsman għaddejja.

L-Għaqda Dinjija tat-Turiżmu taħdem favur turisti responsabbli li:

  • jirrispettaw bl-imġiba tagħhom u b’kif jilbsu l-kultura, id-drawwiet u l-liġijiet tal-komunità lokali li jżuru;
  • jaraw li jkollhom relazzjoni tajba mar-residenti fejn joqogħdu u ma jagħmlux storbju lejl u nhar u jħarbtu lill-ġirien;
  • ma jħammġux fejn ikunu u jagħmlu ħsara fl-inħawi fejn joqogħdu.

Turisti rresponsabbli li jġibu ruħhom ħażin fil-postijiet li jżuru jitfgħu dell anki fuq it-turisti responsabbli.

Għalhekk l-Għaqda Dinjija tat-Turiżmu, operaturi serji tat-turiżmu u gvernijiet li ma jiskrux fis-“suċċess” tal-mument imma jaħsbu daqxejn fit-tul, qed jieħdu passi flimkien biex itaffu u jwarrbu l-effetti ħżiena tat-turisti rresponsabbli.

Qed jieħdu passi wkoll biex in-numru ta’ turisti jkun dak li jiflaħ il-poplu u l-pajjiż għax jekk ikun eżaġerat flok ġid jagħmel il-ħsara.

Sas-sajf li ġej l-appartamenti turistiċi fi Swieqi se jiżdiedu b’elf sodda oħra. Suppost li Swieqi post residenzjali fejn ir-residenti jgħixu ħajja kwieta fejn il-ġid tar-residenti jiġi l-ewwel imma issa qed iħossuhom li qed jiġu l-aħħar.

Diġa’ s-servizz taż-żamma tal-ordni u tal-indafa pubblika mhumiex ilaħħqu mal-istorbju, imġiba ħażina u skart mill-ħafna appartamenti turistiċi li hawn joperaw legali u illegali?

Kemm se ndumu ngħixu biss għall-mument bla naħsbu fuq il-konsegwenzi għal-lum u għada?